Carm Mifsud Bonnici <carm.mifs...@gmail.com>: Jan 04 02:27PM
1.Wasalna fl-aħħar tas-sena. Għal uħud kienet diffiċili ħafna, għal oħrajn inqas. Kull persuna kellha terfa s-salib jew iġġorr id-domna tagħha. Uħud setgħu qatgħu qalbhom, oħrajn le. Uħud komplew jikkumbattu l-forza kuntrarja għas-sewwa, oħrajn marru sfortunatament magħha. Uħud għaddew mit-travalju tal-mard u jridu jirbħuh oħrajn le. Id-dinja tibqa wied tad-dmugħ però mhux dejjem nifhmu dan. F'mumenti naqbdu naqtgħu qalbna, f'oħrajn nifhmu li dmirna huwa li nikkumbattu u nikkumbattu b'iktar saħħa għas-sewwa f'servizz tas-sewwa. 2. Il-ġranet li għaddejjin minnhom huma fihom infushom sejħa qawwija u profonda għal dawk li għandhom ir-rieda t-tajba li jaħdmu għas-sewwa u jikkumbattu kontra dak kollu li m'huwiex. Huwa dmir u fl-istess ħin huwa wkoll unur li wieħed jingħaqad ma oħrajn favur il-ġustizzja, favur l-onestà, favur il-verità u kontra l-banalità tal-ħażen. Huwa x'inhuwa l-post, huwa x'inhuwa s-settur, il-mixja tagħna hija taħt din il-bandiera, taħt dawn l-ideali, valuri nsara li nhaddnu u nissieltu għalihom ma kull jum tas-sena. 3. Ċerti drabi niżbaljaw li nippretendu li bnedmin oħra fuqna jew taħtna japprezzaw din id-direzzjoni. Nibbażaw ħidmietna naħa jew oħra l-fuq jew l-isfel skont kemm ser iċaċpulna jew jżdidulna fl-approvazzjoni, fil-“Like” tagħhom. Dan ma huwiex necessarjament kejl tas-suċċess jew effettività ta' dak li nkunu qed nagħtu sehmna fih. Anqas ma hemm bżonn li jkun hemm effett dirett immedjat ta' din l-linja għas-sewwa. Lkoll nafu li l-progress veru jieħu ħinu u l-effett veru fis-soċjetà jimxi b'passi zgħar imma determinanti. L-importanti tibqa kemm aħna bnedmin ta' rieda tajba, kemm dak li qed nwettqu qed nagħmluh għax huwa tajjeb u ġust. 4. Anzi kull min iġarrab, kull min jiġi mbaskat, jaf li hemm diversi mumenti meta ser isib ruħu jimxi waħdu fid-deżert lejn is-sewwa. Ma jfisserx li miexi ħażin, anqas li ma huwiex miexi. Ladarba jrid jaħdem għas-sewwa tal-proxxmu, ladarba jħaddan il-kurazza tal-prinċipji nsara allura l-abbandun, is-solitudni, d-disprezz , d-diskors kontrih jew l-insulti tal-oħrajn ma jbiddluhx fi triqtu. Jrid jimxi mingħajr ma jħares lura. Jħares biss l-quddiem lejn dak li ġej u dak li jrid li jinbidel sabiex is-sewwa tikber għall-oħrajn u għas-soċjetà li jifforma parti minnha. 5. Dawn huma il-bnedmin ta' rieda tajba li l-anġli fuq l-għar tat-twelid ta' Sidna Gesu Kristu jibqgħu jsejjħu u jgħajtu għalihom mhux biss f'jum il-Milied jew f'dawk preċiż warajh iżda tul is-sena kollha - is-sejħa għal dak il-bniedem li inevitabbilment jsir skomdu għall-oħrajn u mal-oħrajn. Li jaf li jrid jibqa jzomm il-kolp fl-avversità, li jrid jiġbed bl-eżempju tiegħu bnedmin oħra li għandhom l-istess linja f'qalbhom. Għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar. 6. Kull min jidħol għall-ħajja pubblika jaf x'inhuma l-għazliet li għandu quddiemu. Jaf li jista' jkun impopolari f'mumenti, però jekk jibqa persuna ta' rieda tajba allura jaf li f'mument jew ieħor ser jiġu superati l-ostakli, l-intoppi li qabel dehru tant formidabbli. Kif jgħidu, d-dinja ddur. Bħalissa s-sewwa, l-integrità u r-rettitudni m' humiex l-ewwel fil-klassifika. Bħal m'huwiex anqas fuq quddiem nett in-nisrani. B'dana kollu xorta jaf li jrid jibqa għaddej għal triqtu għax il-pendlu tal-ħajja jiċċaqlaq. Dan huwa l-bank tal-prova tiegħu. 7. Ftit jiem oħra nitilqu s-sena l-antika u nidħlu fil-ġdida. Ftit jiem oħra napprezzaw iktar li aħna għandna skop speċifiku li ġejna maħluqa għalih. X'inhuwa nifhmuh biċċa biċċa fit-triq kif jgħidu oħrajn “strada facendo”. L-importanti li fuq naħa ma naqtgħux qalbna fuq l-oħra nibqgħu fidili u determinati naħdmu għall-ġid tas-soċjetà. Li nibqgħu altruisti, relevanti, aġġornati biex nagħtu lura lil ħutna dak li aħna ingħatalna. F'kelma waħda irridu nibqgħu bnedmin ta' rieda tajba. 8. Inħajjar f'dawn l-aħħar jiem tas-sena sabiex iktar bnedmin ta' rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja. Mill-qalb nawgura s-sena t-tajba lilkom l-qarrejja kostanti tagħna kollha b'mod speċjali lilek sur Editur u l-ħaddiema li jagħtu servizz taħtek. -- Posted By Carm Mifsud Bonnici to Il-Blog ta' Carm Mifsud Bonnici at 1/04/2016 03:27:00 PM |
Carm Mifsud Bonnici <carm.mifs...@gmail.com>: Jan 04 11:49AM
1. F'din l-ewwel ġimgħa tas-sena diversi jsibu l-ħin biex jaħsbu u jaraw fejn ser ikomplu jmorru fil-ħajja tagħhom. L-esperjenza tal-ħajja ħafna drabi sservi sabiex dan isir tajjeb. Għax huwa f'postu u għaqli li wieħed iħares 'il quddiem billi jagħraf dak li ħadem u tħaddem ġewwa fih. Iħares li jibni rapport aqwa ma' ta' madwaru u fl-istess ħin jikkoreġi dak li jkun naqas fih. Mhux faċli. Hemm it-trapass taż-żmien. Dak li kien ma jistax jinġieb lura. Wieħed jista' biss jittama fil-futur. 2. Mingħajr it-tama l-bniedem jitlef ħafna minn dak li kapaċi jagħti lill-oħrajn. Jittama fil-jiem li ġejjin, f'dak li jixtieq jara jseħħ u fl-istess jitlaq għal għonq it-triq biex iwettqu. M'għandniex u m'aħniex minn dawk li kull ma naraw inqisuh ħażin. Anqas li kollox huwa perfett. Il-ħajja turi u tkompli li hemm triq fin-nofs li trid tagħżel mid-diversi li jkollok quddiemek. Waħda li tieħdok għas-sewwa għax bażata fuq valuri u prinċipji ċari, sodi. 3. Nibdew l-ewwel jiem tas-sena mhux minn bidu assolut imma bħala wieħed ġewwa proċessi differenti. Hemm dawk tal-ħajja kollha, l-istorja sħiħa tal-iżvilupp tal-bniedem. Hemm dik li tifforma parti mill-eżistenza tagħna. Hemm dik marbuta ma' termini partikolari fl-isport, fid-dinja tax-xogħol, fil-politika. Nafu lkoll li dak li ser inwettqu mhuwiex ġdid imma fih innifsu jsegwi ma' dak li kien hemm biex iwassalna għal dak li aħna rridu. 4. B'dan hemm xorta sfumaturi ta' ħidma differenti. Wieħed li jeħodna iktar ma nersqu lejn dak li rriduh aħjar. Aktar ma nimmotivaw ruħna billi napprezzaw iktar li aħna għandna sehem determinanti fil-ħajja tas-soċjetà li ngħixu fiha, iktar nimxu u nixprunaw lil xulxin 'il quddiem. L-aġir tagħna, il-ħsieb, ir-riflessjonijiet, l-awtokritika jittempraw iktar ma nifhmu għala qed naħdmu f'linja u x'irridu nilħqu biha. 5. Nidħlu f'din is-sena għalhekk fil-kamp politiku bil-wirt li qiegħed jiżviluppa tul din il-leġislatura. Irridu nistaqsu iktar lilna infusna jekk dak li qed naħdmu għalih huwiex tajjeb u jekk aħniex f'pożizzjoni li nilħquh. Nittempraw il-ħidma mhux abbażi ta' kliem li huma vojta, ta' sentenzi mixħuta biex jingħaqdu ma' oħrajn li ħadd ma jħoss u ħadd ma jifhem imma fuq il-valuri nsara li s-soċjetà trid u li aħna mibnija fuqhom. F'soċjetà fejn tlaqna s-sena li għaddiet b'xettiċiżmu fuq il-politika, il-futur għandu jkun li nasserixxu l-kontra, bi provi konkreti u mhux bi kliem li ftit huma konvinti minnhom. 6. Hemm differenza bejn id-dinja li ċerti politiċi qed jgħixu fiha, fejn ifittxu fid-dlam b'idejhom fuq stħarriġ kommissjonat li qatt ma jolqot verament il-polz u t-tastiera tal-poplu tagħna u dik ta' veru. Biex wieħed ikun għas-servizz ta' dawk li jirrappreżenta jrid jgħix magħhom, jimxi magħhom, joħroġhom mid-deżerti li jsibu ruħhom fihom. Hemmg għeruq li wieħed irid iqis u jisqi jekk irid jara l-frott. Ma jistax jinjora kollox għax hemm dawk artifiċjali barra. Wieħed irid imur iktar lejn il-veru, lejn il-ġust, lejn dak li jġib il-paċi u l-ġustizzja soċjali inkella jintilef. 7. Is-sena l-ġdida hija bank ta' prova għalina lkoll. Hija parti minn eżami sħiħ li rridu nersqu għalih u ngħaddu minnu. Iktar ma nkunu determinati, aktar naslu. Iktar ma nkunu demokratiċi, anzi għalina demokristjani u mhux makkjavellani, iktar naslu tajjeb u fil-ħin. Dawn huma lezzjonijiet tal-ħajja. Mhux qed ngħid xejn ġdid, biss huwa tajjeb li wieħed ifakkar lilu nnifsu u jfakkar lill-oħrajn. Proprju fuq dak li nħares iktar 'il quddiem lejn ix-xhur li ġejjin. Inħares li nassiguraw li nkunu vuċi għall-ġustizzja u għall-verità f'soċjetà li qed tara dawn il-valuri jonqsu b'rapidità. -- Posted By Carm Mifsud Bonnici to Il-Blog ta' Carm Mifsud Bonnici at 1/04/2016 12:49:00 PM |
You received this digest because you're subscribed to updates for this group. You can change your settings on the group membership page. To unsubscribe from this group and stop receiving emails from it send an email to CarmMifsudBonn...@googlegroups.com. |