[Il-Blog ta' Carm Mifsud Bonnici] Għall-bnedmin ta’ rieda tajba.

1 view
Skip to first unread message

Carm Mifsud Bonnici

unread,
Jan 4, 2016, 9:27:07 AM1/4/16
to carmmifs...@googlegroups.com



1.Wasalna fl-aħħar tas-sena. Għal uħud kienet diffiċili ħafna, għal oħrajn inqas. Kull persuna kellha terfa s-salib jew iġġorr id-domna tagħha. Uħud setgħu qatgħu qalbhom, oħrajn le. Uħud komplew jikkumbattu l-forza kuntrarja għas-sewwa, oħrajn marru sfortunatament magħha. Uħud għaddew mit-travalju tal-mard u jridu jirbħuh oħrajn le. Id-dinja tibqa wied tad-dmugħ però mhux dejjem nifhmu dan. F’mumenti naqbdu naqtgħu qalbna, f’oħrajn nifhmu li dmirna huwa li nikkumbattu u nikkumbattu b’iktar saħħa għas-sewwa f’servizz tas-sewwa.

2. Il-ġranet li għaddejjin minnhom huma fihom infushom sejħa qawwija u profonda għal dawk li għandhom ir-rieda t-tajba li jaħdmu għas-sewwa u jikkumbattu kontra dak kollu li m’huwiex. Huwa dmir u fl-istess ħin huwa wkoll unur li wieħed jingħaqad ma oħrajn  favur il-ġustizzja, favur l-onestà, favur il-verità u kontra l-banalità tal-ħażen. Huwa x’inhuwa l-post, huwa x’inhuwa s-settur, il-mixja tagħna hija taħt din il-bandiera, taħt dawn l-ideali, valuri nsara li nhaddnu u nissieltu għalihom ma kull jum tas-sena.

3. Ċerti drabi niżbaljaw li nippretendu li bnedmin oħra fuqna jew taħtna japprezzaw din id-direzzjoni. Nibbażaw ħidmietna naħa jew oħra l-fuq jew l-isfel skont kemm ser iċaċpulna jew jżdidulna fl-approvazzjoni, fil-“Like” tagħhom. Dan ma huwiex necessarjament kejl tas-suċċess jew effettività ta’ dak li nkunu qed nagħtu sehmna fih. Anqas ma hemm bżonn li jkun hemm effett dirett immedjat ta’ din l-linja għas-sewwa. Lkoll nafu li l-progress veru jieħu ħinu u l-effett veru fis-soċjetà jimxi b’passi zgħar imma determinanti. L-importanti tibqa kemm aħna bnedmin ta’ rieda tajba, kemm dak li qed nwettqu qed nagħmluh għax huwa tajjeb u ġust.

4. Anzi kull min iġarrab, kull min jiġi mbaskat, jaf li hemm diversi mumenti meta ser isib ruħu jimxi waħdu fid-deżert lejn is-sewwa. Ma jfisserx li miexi ħażin, anqas li ma huwiex miexi. Ladarba jrid jaħdem għas-sewwa tal-proxxmu, ladarba jħaddan il-kurazza tal-prinċipji nsara allura l-abbandun, is-solitudni, d-disprezz , d-diskors kontrih jew l-insulti tal-oħrajn ma jbiddluhx fi triqtu. Jrid jimxi mingħajr ma jħares lura. Jħares biss l-quddiem lejn dak li ġej u dak li jrid li jinbidel sabiex is-sewwa tikber għall-oħrajn u għas-soċjetà li jifforma parti minnha.

5. Dawn huma il-bnedmin ta’ rieda tajba li l-anġli fuq l-għar tat-twelid ta’ Sidna Gesu Kristu jibqgħu jsejjħu u jgħajtu għalihom mhux biss f’jum il-Milied jew f’dawk preċiż warajh iżda tul is-sena kollha - is-sejħa għal dak il-bniedem li inevitabbilment jsir skomdu għall-oħrajn u mal-oħrajn.  Li jaf li jrid jibqa jzomm il-kolp fl-avversità, li jrid jiġbed bl-eżempju tiegħu bnedmin oħra li għandhom l-istess linja f’qalbhom. Għax il-kelma tqanqal imma l-eżempju jkaxkar.

6. Kull min jidħol għall-ħajja pubblika jaf x’inhuma l-għazliet li għandu quddiemu. Jaf li jista’ jkun impopolari f’mumenti, però jekk jibqa persuna ta’ rieda tajba allura jaf li f’mument jew ieħor ser jiġu superati l-ostakli, l-intoppi li qabel dehru tant formidabbli. Kif jgħidu, d-dinja ddur. Bħalissa s-sewwa, l-integrità u r-rettitudni m’ humiex l-ewwel fil-klassifika. Bħal m’huwiex anqas fuq quddiem nett in-nisrani. B’dana kollu xorta jaf li jrid jibqa għaddej għal triqtu għax il-pendlu tal-ħajja jiċċaqlaq. Dan huwa l-bank tal-prova tiegħu.

7. Ftit jiem oħra nitilqu s-sena l-antika u nidħlu fil-ġdida. Ftit jiem oħra napprezzaw iktar li aħna għandna skop speċifiku li ġejna maħluqa għalih. X’inhuwa nifhmuh biċċa biċċa fit-triq kif jgħidu oħrajn “strada facendo”. L-importanti li fuq naħa ma naqtgħux qalbna fuq l-oħra nibqgħu fidili u determinati naħdmu għall-ġid tas-soċjetà. Li nibqgħu altruisti, relevanti, aġġornati biex nagħtu lura lil ħutna dak li aħna ingħatalna. F’kelma waħda irridu nibqgħu bnedmin ta’ rieda tajba.

8. Inħajjar f’dawn l-aħħar jiem tas-sena sabiex iktar bnedmin ta’ rieda tajba jingħaqdu fil-ħidma għas-sewwa tul is-sena li ġejja. Mill-qalb nawgura s-sena t-tajba lilkom l-qarrejja kostanti tagħna kollha b’mod speċjali lilek sur Editur u l-ħaddiema li jagħtu servizz taħtek.


--
Posted By Carm Mifsud Bonnici to Il-Blog ta' Carm Mifsud Bonnici at 1/04/2016 03:27:00 PM
Reply all
Reply to author
Forward
0 new messages